- Il-Prim Ministru Robert Abela jiltaqa' mar-rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Industrija tad-Divertiment u l-Arti
Il-Prim Ministru Robert Abela kompla bis-sensiela ta' laqgħat ta' konsultazzjoni ta' qabel il-Budget 2027 din id-darba mar-rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Industrija tad-Divertiment u l-Arti (MEIA), li matulha ġew diskussi l-prijoritajiet, l-isfidi u l-opportunitajiet tas-settur kulturali u kreattiv f'pajjiżna.
Il-Prim Ministru Abela saħaq li waħda mill-opportunitajiet li toħloq ekonomija b'saħħitha hija l-opportunità li nkomplu ninvestu f'setturi li joħolqu valur miżjud għas-soċjetà. F'dan il-kuntest, huwa qal li l-arti u l-kultura għandhom rwol importanti mhux biss mill-aspett kulturali u soċjali, iżda wkoll fil-kontribut tagħhom għall-iżvilupp ekonomiku u għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja f'pajjiżna.
Dr Abela qal li f'dawn l-aħħar snin ittieħdu għadd ta' deċiżjonijiet u ġew introdotti diversi miżuri u inizjattivi maħsuba biex isaħħu dawn is-setturi. Huwa sostna li l-progress li sar kien possibbli wkoll grazzi għall-kollaborazzjoni kontinwa mal-operaturi tas-settur u permezz ta' diversi skemi u inċentivi li issa saru disponibbli għall-artisti u l-professjonisti kreattivi.
Il-Prim Ministru tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet li fihom l-artisti u l-professjonisti kreattivi jistgħu jibnu karrieri sostenibbli, jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jkollhom aktar opportunitajiet biex jimirħu professjonalment.
Dr Abela rrikonoxxa li għad hemm realtajiet li jeħtieġ jiġu indirizzati u sostna li l-Gvern se jibqa' miftuħ għad-djalogu mas-settur sabiex ikompli jibni fuq il-ħafna li diġà qed isir u jidentifika miżuri ġodda li jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-artisti u tal-professjonisti kreattivi.
Matul il-laqgħa ġie rikonoxxut il-kontribut tal-MEIA għall-proċess ta' konsultazzjoni, fosthom permezz tad-dokument imressaq mill-Assoċjazzjoni bi proposti għall-Budget 2027.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll il-Ministri Clyde Caruana, Jo Etienne Abela, Malcolm Paul Agius Galea u Omar Farrugia, kif ukoll id-Deputat Nigel Vella.